Uża l-vot tiegħek. Inkella ħaddieħor jiddeċiedi għalik

Il-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej hija l-opportunità tiegħek biex tiddeċiedi fuqiex għandha tiffoka l-Unjoni Ewropea fil-ħames snin li ġejjin.

 

Irreġistra issa biex tirċievi tfakkiriet għall-votazzjoni u sserraħ moħħok li ma tinsiex tuża l-vot tiegħek. Għax aktar ma jivvutaw nies, aktar tissaħħaħ id-demokrazija.

Fl-Unjoni Ewropea, id-demokrazija tista’ tidher bħala xi ħaġa ovvja għalina llum. Iżda dan mhux dejjem kien il-każ.

M’ilux wisq, miljuni ta’ Ewropej għexu fi żminijiet meta la setgħu jivvutaw, u lanqas jitkellmu liberament. Meta ħajjithom stess setgħet kienet fil-periklu sempliċiment għax kienu differenti, għax kellhom twemmin differenti jew għax riedu ħajja differenti.

Id-demokrazija hija rigal prezzjuż mgħoddi lilna mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna. Huma aspiraw lejha u ġġieldu għaliha. Issa f’idejna li nżommuha, biex nagħmluha aktar b’saħħitha u ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

L-aktar mod effettiv biex nagħmlu dan huwa billi nivvutaw - peress li aktar ma jivvutaw nies, id-demokrazija ssir aktar b’saħħitha.

Bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024: Uża l-vot tiegħek, inkella ħaddieħor jiddeċiedi għalik.

L-elezzjonijiet Ewropej 2024