Għaliex hu importanti tivvota
Bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024, miljuni ta’ Ewropej se jipparteċipaw fit-tiswir tal-futur tad-demokrazija Ewropea fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet Ewropej. Huwa mument uniku meta lkoll nistgħu niddeċiedu kollettivament dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. Dejjem hu importanti li tivvota, kemm fil-livell lokali, nazzjonali kif ukoll Ewropew. Din hija opportunità eċċellenti biex issemma’ leħnek dwar suġġetti għal qalbek.
Uża l-vot tiegħek biex tgħin tbiddel id-dinja li tgħix fiha
Faċli ninsew kemm ir-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej jolqot lil ħafna nies. Il-Parlament Ewropew jadotta liġijiet li jolqtu lil kulħadd: il-pajjiżi l-kbar u l-komunitajiet ż-żgħar, il-kumpaniji b’saħħithom u n-negozji ż-żgħar li għadhom jibdew, fil-livell globali u lokali. Il-liġijiet tal-UE jindirizzaw il-biċċa l-kbira tal-prijoritajiet tan-nies: l-ambjent, is-sigurtà, il-migrazzjoni, il-politiki soċjali, id-drittijiet tal-konsumatur, l-ekonomija, l-istat tad-dritt u ħafna aktar. Illum, kull suġġett nazzjonali importanti għandu wkoll perspettiva Ewropea. Il-vot tiegħek se jiddeċiedi liema Membri tal-Parlament Ewropew se jirrappreżentawk fit-tħejjija ta’ liġijiet ġodda. Se jinfluwenza wkoll l-elezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn id-deċiżjonijiet se jsawru l-ħajja tiegħek ta’ kuljum u dik ta’ ħafna oħrajn.
Uża l-vot tiegħek biex tindirizza l-isfidi globali li għandna quddiemna
F’dinja dejjem aktar kumplessa, instabbli u interkonnessa, l-Unjoni Ewropea tindirizza l-isfidi globali li l-ebda pajjiż tal-UE ma jista’ jsib tarfhom waħdu. Mhijiex biċċa xogħol sempliċi tindirizza dawn il-ħafna sfidi - u l-vot huwa l-mod li bih tinfluwenza d-direzzjoni ta’ dan.
Uża l-vot tiegħek biex tiddefendi d-demokrazija
Id-demokrazija qatt m’għandha titqies bħala xi ħaġa fatta. Hija kisba kollettiva – u hija responsabbiltà kollettiva li fiha lkoll kemm aħna għandna rwol. Id-demokrazija tibda biċ-ċittadini: huwa l-vot tagħna fl-elezzjonijiet Ewropej li jagħti l-bidu għall-proċess, u d-deċiżjonijiet li jittieħdu hemmhekk għandhom effetti fuq ħajjitna. Jekk ma nipparteċipawx, ma jkollniex il-possibbiltà li nsawru l-futur; iżda, agħar minn hekk, id-demokrazija parlamentari Ewropea titlef il-qawwa tagħha u l-valuri tagħha ma jibqgħu jfissru xejn. Aktar ma jkun hemm nies jivvutaw, aktar tissaħħaħ id-demokrazija.
Ikkuntattja lil Europe Direct
Għal kwalunkwe mistoqsija oħra dwar l-elezzjonijiet Ewropej jekk jogħġbok ikkuntattja l-Unjoni Ewropea
Telefonata minn ġewwa l-UE 00 800 6 7 8 9 10 11 (telefon bla ħlas)
Telefonata minn barra l-UE 0032 2 299 96 96 (rata internazzjonali standard)