Il-President tal-Kummissjoni Ewropea
Ir-responsabbiltajiet
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea jistabbilixxi l-aġenda politika tal-Kummissjoni u jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni tal-Kummissjoni.
Il-President tal-Kummissjoni jirrappreżenta lill-Kummissjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, fis-summits tal-G7 u tal-G20, fis-summits ma’ pajjiżi mhux tal-UE u waqt dibattiti ewlenin fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.
Kif jiġi elett
Wieħed mill-ewwel kompiti tal-Parlament il-ġdid huwa li jeleġġi President tal-Kummissjoni Ewropea.
F’konformità ma’ diversi riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament, din il-proċedura tibda qabel l-elezzjonijiet Ewropej bil-proċess tal-kandidat ewlieni, meta l-partiti politiċi Ewropej iħabbru l-kandidati tagħhom għar-rwol. Il-kandidat li l-grupp politiku tiegħu jikseb l-aktar siġġijiet jitqies bħala l-ewwel għażla loġika.
Il-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE jinnominaw kandidat għall-President tal-Kummissjoni filwaqt li jqisu r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej. Il-kandidat nominat jagħmel dikjarazzjoni lill-Membri tal-PE li jkunu għadhom kif ġew eletti u jieħu sehem f'dibattitu plenarju magħhom.
Il-kandidat għall-President tal-Kummissjoni jeħtieġ li jirċievi approvazzjoni mill-Parlament bl-appoġġ ta' mill-inqas nofs il-Membri kollha tal-PE u wieħed b'vot sigriet.
Jekk il-kandidat ma jirċevix il-maġġoranza meħtieġa, il-Kunsill Ewropew irid jipproponi kandidat supplenti fi żmien xahar.
Il-Kunsill Ewropew jaħtar uffiċjalment lill-kandidat magħżul bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-President attwali tal-Kummissjoni Ewropea
Ursula von der Leyen ġiet eletta mill-ġdid bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea għal-legiżlatura 2024-2029 mill-Parlament Ewropew f'Lulju 2024.