Elezzjonijiet Ewropej6-9 ta’ Ġunju 2024

L-elezzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew

Ir-responsabbiltajiet

Elett għal mandat ta' sentejn u nofs li jista' jiġġedded, il-President jirrappreżenta lill-Parlament Ewropew meta jittratta ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE u mad-dinja ta' barra.

Il-President jidderieġi wkoll l-attivitajiet tal-Parlament, jippresiedi s-sessjonijiet plenarji u jiddikjara l-baġit tal-UE finalment adottat.

Fil-bidu ta' kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew jistabbilixxi l-fehma tal-Parlament fir-rigward tal-punti fuq l-aġenda u suġġetti oħra.

Kif jiġi elett

Il-President tal-Parlament jiġi elett mill-Membri tal-Parlament Ewropew permezz ta' votazzjoni sigrieta. Dan isir fl-ewwel sessjoni plenarja wara l-elezzjonijiet.

Il-gruppi politiċi jew il-gruppi ta' mill-inqas 36 Membru tal-PE jistgħu jressqu n-nomini tagħhom għar-rwol.

Il-kandidat li jirċievi maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa jingħata l-kariga.

Jekk l-ebda wieħed mill-kandidati ma jirċievi maġġoranza assoluta wara tliet rawnds ta' votazzjoni, iż-żewġ kandidati ewlenin jikkompetu f'votazzjoni finali. Il-persuna li tirċievi l-aktar voti tiġi ddikjarata bħala l-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew.

Immedjatament wara l-votazzjoni, il-Membri tal-PE jeleġġu l-14-il Viċi President u ħames Kwesturi.

Il-President attwali

F’Lulju 2024, Roberta Metsola ġiet eletta mill-ġdid bħala l-President tal-Parlament Ewropew għat-tieni mandat tagħha ta’ sentejn u nofs.